Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Rapport Annwali tal-BERS 2025

Kelmtejn qabel

Huwa l-pjaċir tiegħi li nippreżenta l-15-il Rapport Annwali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li jkopri l-perjodu bejn l-1 ta’ April 2025 u l-31 ta’ Marzu 2026. Il-BERS għandu obbligu statutorju li jipproduċi dan ir-rapport fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà. Ir-rapport juri kif il-BERS wettaq il-mandat tiegħu, li huwa li jidentifika u jtaffi r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni Ewropea u li jirrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-pubbliku ġenerali.

L-ambjent globali kien eċċezzjonalment inċert matul il-perjodu tar-rieżami. It-tensjonijiet ġeopolitiċi, il-frizzjonijiet kummerċjali mġedda u l-inċertezza akbar rigward il-miżuri ta’ politika komplew isawru l-kundizzjonijiet makrofinanzjarji fl-Unjoni Ewropea (UE). Madankollu, l-ekonomija Ewropea u s-sistema finanzjarja tagħha wrew reżiljenza quddiem dawn l-isfidi. Il-preservazzjoni ta’ din ir-reżiljenza tibqa’ vitali, peress li r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja jippersistu f’livelli għoljin. Il-BERS iffoka fuq żewġ fatturi ewlenin li jistgħu jkunu ta’ sfida sinifikanti għal din ir-reżiljenza, dawn huma r-riskju makroekonomiku u r-riskju tas-suq.

Is-segwitu għar-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Rieżami tal-BERS immarka stadju importanti matul il-perjodu tar-rieżami. F’Ġunju 2025, il-Bord Ġenerali tal-BERS qabel li jimxi lejn valutazzjoni aktar olistika tar-riskji u l-vulnerabbiltajiet u li jippromwovi approċċ mifrux mas-sistema kollha għall-politika makroprudenzjali. Dan kien ifisser li wieħed jiffoka kemm fuq l-entitajiet infushom kif ukoll fuq kwalunkwe attività li hija kruċjali għall-istabbiltà finanzjarja. Din il-bidla fl-approċċ tinkludi l-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ ttestjar tal-istress minn fuq għal isfel fis-sistema kollha u l-integrazzjoni tal-analiżi tal-pożizzjoni makroprudenzjali fil-valutazzjonijiet regolari tal-BERS.

Il-BERS ippubblika rapport dwar il-kriptoassi u l-finanzi deċentralizzati u l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja. Adotta wkoll Rakkomandazzjoni dwar skemi ta’ stablecoins bejn diversi emittenti ta’ pajjiżi terzi. Hemm vulnerabbiltajiet inerenti f’dawn it-tipi ta’ skemi u dawn jiġġeneraw riskji ċari għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE. Għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet rilevanti kollha, bħall-Kummissjoni Ewropea, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, jaġixxu fuq din ir-Rakkomandazzjoni l-ġdida tal-BERS.

Il-BERS jieħu approċċ transsettorjali u mifrux mal-UE kollha għall-analiżijiet tiegħu tar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, kif muri f’diversi rapporti oħra tal-BERS ippubblikati matul il-perjodu tar-rieżami. Il-Monitoraġġ tar-Riskju tal-Intermedjazzjoni Finanzjarja Mhux Bankarja tal-UE 2025 jipprovdi valutazzjoni komprensiva tas-sistema kollha tal-vulnerabbiltajiet fis-settur tal-fondi ta’ investiment, li tindika ingranaġġ elevat, riskju ta’ likwidità persistenti u interkonnettività dejjem akbar. Żewġ rapporti tal-BERS imħejjija b’mod konġunt mal-BĊE – dwar ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja mir-rabtiet bejn il-banek u l-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja, u dwar ir-riskji mill-frammentazzjoni ġeoekonomika – jeżaminaw kif l-iskossi jistgħu jinfirxu bejn is-setturi u l-fruntieri, u kif l-iżviluppi ġeopolitiċi, l-inċertezza tal-politika u l-frammentazzjoni jistgħu jamplifikaw ir-riskju sistemiku. Barra minn hekk, ir-rapport tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-riskju sistemiku jagħti prospettiva li tħares ’il quddiem dwar kif il-bidla teknoloġika tista’ tamplifika l-vulnerabbiltajiet eżistenti jew toħloq sorsi ġodda ta’ riskju sistemiku.

Il-ħidma tal-BERS tiddependi fuq l-impenn u l-għarfien espert ta’ ħafna individwi fl-istituzzjonijiet membri tiegħu, fil-korpi konsultattivi u fis-Segretarjat tal-BERS. Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-ħafna kontributuri madwar il-komunità tal-BERS. Nixtieq ukoll nesprimi l-gratitudni sinċiera tiegħi, u noffri tislima mill-qalb, lil Pablo Hernández de Cos fir-rwol tiegħu bħala President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil Mário Centeno, il-Gvernatur tal-Banco de Portugal, u lil José Manuel Campa, President tal-Awtorità Bankarja Ewropea, għall-kontributi tagħhom għall-ħidma tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Fl-aħħar nett, nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lil Klaas Knot, il-President tad-De Nederlandsche Bank, għall-appoġġ u l-impenn siewi tiegħu bħala membru tal-Bord Ġenerali.

Christine Lagarde, President tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

Sommarju eżekuttiv

Il-perjodu tar-rieżami għal dan ir-Rapport Annwali beda fl-1 ta’ April 2025 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2026.

Matul dan il-perjodu, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) wettaq l-attivitajiet regolari tiegħu li jidentifikaw u jivvalutaw il-vulnerabbiltajiet u r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

Ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja fl-UE baqgħu għoljin matul l-2025 u fil-bidu tal-2026, iżda s-sistema finanzjarja kollha kemm hi wriet li kienet reżiljenti. Matul il-perjodu tar-rieżami, ix-xenarju tal-istabbiltà finanzjarja fl-UE kien imsawwar minn ambjent estern inċert ħafna, bi frizzjonijiet fil-kummerċ u tensjonijiet ġeopolitiċi li kienu ta’ piż fuq is-swieq finanzjarji u l-ekonomija. Filwaqt li r-riżoluzzjoni ta’ xi tilwim kummerċjali u l-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali ġodda għenu biex tittaffa l-inċertezza politika fit-tieni nofs tal-2025, it-tensjonijiet ġeopolitiċi mġedda fil-Lvant Nofsani fil-bidu tal-2026 aggravaw ir-riskji negattivi għat-tkabbir ekonomiku. Minkejja l-ostakli globali, il-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi fl-UE baqgħu ġeneralment pjuttost robusti. Dan appoġġa l-karti tal-bilanċ tal-unitajiet domestiċi u dawk korporattivi fil-livell aggregat u rriżulta f’telf limitat ta’ kreditu għal sistema bankarja kapitalizzata tajjeb u profittabbli. L-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji kienu kapaċi jassorbu l-volatilità tas-suq, u l-infrastrutturi finanzjarji ewlenin komplew joperaw mingħajr xkiel, anke fid-dawl ta’ riskji ċibernetiċi u ġeopolitiċi akbar. Madankollu, filwaqt li din ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tenfasizza l-benefiċċji ta’ oqfsa regolatorji msaħħa ta’ wara l-kriżi, jibqa’ essenzjali li jiġu mmonitorjati mill-qrib l-iskoperturi kkonċentrati (eż. għal setturi, klassijiet ta’ assi u swieq ta’ finanzjament speċifiċi), ir-riskji tas-suq u tal-likwidità, u l-potenzjal għal bidliet f’daqqa fl-aptit għar-riskju.

Meta nħarsu ’l quddiem, diversi xenarji avversi jistgħu jisfidaw l-istabbiltà finanzjarja billi jamplifikaw il-vulnerabbiltajiet eżistenti. L-eskalazzjoni tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani jew id-deterjorament tas-sentiment tar-riskju globali jistgħu jiskattaw korrezzjonijiet qawwija u diżordinati tas-suq, li jistgħu jiġu trażmessi lill-ekonomija reali permezz ta’ fiduċja aktar dgħajfa u kostijiet ogħla ta’ finanzjament. Il-pressjonijiet li jirriżultaw minn prezzijiet ogħla tal-komoditajiet u l-frammentazzjoni emerġenti tal-katina tal-provvista lejn tmiem il-perjodu tar-rieżami għal darb’oħra enfasizzaw is-sensittività tas-sistema finanzjarja għall-iskossi globali u r-riskju ta’ pprezzar mill-ġdid f’daqqa fis-swieq finanzjarji u l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni. L-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jesperjenzaw restrizzjonijiet akbar ta’ finanzjament u likwidità, parzjalment minħabba aktar ipprezzar mill-ġdid potenzjali tar-rati tal-imgħax, flimkien ma’ effetti konsegwenzjali bejn il-fruntieri u s-setturi. Fl-istess ħin, il-prospetti mrażżna ta’ tkabbir fuq terminu medju, id-dejn pubbliku għoli f’xi Stati Membri tal-UE u ż-żieda fl-infiq relatat mas-sigurtà qed jillimitaw l-ispazju fiskali u jżidu mat-tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn. Barra minn hekk, ir-riskji ċibernetiċi jistgħu jfixklu materjalment l-infrastruttura finanzjarja kritika u l-kontinwità operazzjonali. Ir-riskji għall-prospettiva makrofinanzjarja huma marbuta mill-qrib mal-vulnerabbiltajiet fis-settur finanzjarju, li jistgħu jsaħħu lil xulxin u jżidu r-riskju sistemiku ġenerali.

Fl-2025, il-BERS kompla jimmonitorja r-riskji mis-settur tal-intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja (NBFI). Il-Monitoraġġ tar-Riskju tal-NBFI tal-UE tal-2025 enfasizza ż-żieda fil-vulnerabbiltajiet ċikliċi u strutturali, ir-riskju tal-likwidità sistemiku persistenti, l-ingranaġġ elevat u l-interkonnettività f’partijiet tas-settur tal-NBFI, il-konċentrazzjoni dejjem akbar ta’ skoperturi u r-rabtiet transfruntiera.[1] Dawn ġew identifikati permezz ta’ analiżijiet fil-fond tal-interdipendenzi bejn is-swieq finanzjarji privati u s-settur bankarju, l-ingranaġġ tal-fondi ħeġġ, il-fondi ta’ investiment immobiljari u l-istituzzjonijiet finanzjarji kaptivi, kif ukoll permezz ta’ ħidma topika fuq episodji reċenti ta’ stress fis-suq, riformi tas-sistema tal-pensjonijiet u titolizzazzjoni sintetika.

Fl-istess sena, il-BERS kompla jiżviluppa s-sett ta’ għodod tiegħu għall-ittestjar tal-istress fis-sistema kollha. Huwa pprovda lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) b’xenarji avversi għat-testijiet tal-istress settorjali, jiġifieri l-linji gwida tal-2025 dwar l-ittestjar tal-istress tal-fondi tas-suq monetarju u t-test tal-istress tal-kontroparti ċentrali tal-2026. Dawn ix-xenarji avversi jaqbdu r-riskji ta’ titrif li jirriżultaw minn tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, skossi fil-prezzijiet tal-komoditajiet u fl-inflazzjoni, korrezzjonijiet f’daqqa fil-prezzijiet tal-assi u pressjonijiet ta’ likwidità assoċjati. B’mod parallel, il-BERS iddeċieda wkoll li jiżviluppa għodda għall-ittestjar tal-istress minn fuq għal isfel għas-sistema finanzjarja tal-UE, li tespandi fuq il-mudell tal-BĊE tal-Analiżi tal-istress Interkonnessa mas-Sistema kollha (ISA). Din l-għodda se tintuża biex jiġu vvalutati l-mekkaniżmi ta’ amplifikazzjoni, kemm fi ħdan kif ukoll bejn is-setturi taħt xenarji komuni, u biex jiġu appoġġati valutazzjonijiet tar-riskju aktar frekwenti u flessibbli fis-sistema kollha.

Il-BERS kompla jaħdem ukoll fuq diversi suġġetti importanti tal-politika transsettorjali u transfruntiera. F’Ġunju 2025, il-Bord Ġenerali enfasizza l-importanza ta’ perspettiva mifruxa mas-sistema kollha fit-twettiq tal-mandat tal-BERS li jwettaq sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja[2],[3]

Wieħed mill-objettivi tal-BERS huwa li jgħin biex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet u riskji li jaffettwaw is-sistema finanzjarja Ewropea kollha kemm hi. Għal dan il-għan, il-BERS kompla jipparteċipa b’mod attiv f’żewġ gruppi pan-Ewropej stabbiliti biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet relatati maċ-ċibernetika li jistgħu jaffettwaw is-sistema finanzjarja. Huwa tejjeb u rfina wkoll il-mudell tiegħu ta’ tkabbir fir-riskju, li jifforma parti mis-sett ta’ għodod tiegħu għall-evalwazzjoni tal-pożizzjoni makroprudenzjali tal-membri tiegħu.

F’konformità mal-approċċ ibbażat fuq l-attività għall-ħidma tiegħu, il-BERS kien involut ukoll f’firxa ta’ suġġetti matul il-perjodu ta’ rieżami mmirati lejn it-tisħiħ tal-qafas regolatorju, billi ħa perspettiva tas-sistema kollha jew perspettiva speċifika għas-settur kif xieraq. Dwar is-suġġetti tat-titolizzazzjoni u l-kriptoassi, huwa enfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tippermetti lill-kumpaniji ta’ (ri)assigurazzjoni jipprovdu garanziji mhux iffinanzjati taħt il-qafas għal titolizzazzjoni sintetika sempliċi, trasparenti u standardizzata. Huwa ħareġ ukoll rakkomandazzjoni dwar skemi ta’ stablecoin bejn diversi emittenti ta’ pajjiżi terzi, fejn appella lill-Kummissjoni biex ma tqisx l-iskemi bħala permissibbli skont il-qafas[4] attwali tal-MiCAR, jew inkella biex tiżviluppa salvagwardji xierqa biex timmitiga r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn tali skemi. Fir-rigward tas-suġġett tal-ikklerjar ċentrali, il-BERS wieġeb għal żewġ konsultazzjonijiet tal-ESMA. Fl-ewwel waħda, dwar il-limiti tal-ikklerjar, huwa appoġġa l-approċċ ġenerali tal-ESMA għall-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-limiti tal-ikklerjar u laqa’ l-approċċ strutturat u mmexxi mid-data li jirfed il-konsultazzjoni. Fit-tieni waħda, dwar ir-rekwiżiti ta’ trasparenza tal-marġni, huwa appoġġa t-tisħiħ tat-trasparenza tul il-katina tal-ikklerjar kollha. Barra minn hekk, il-BERS ipprovda pariri lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol dwar linji gwida dwar is-setgħat superviżorji biex jiġu rrimedjati l-vulnerabbiltajiet tal-likwidità. Fl-aħħar nett, analizza l-possibbiltà li jiġu stabbiliti miżuri bbażati fuq il-mutwatarju għas-suq tal-proprjetà immobbli kummerċjali permezz ta’ tliet strumenti possibbli, jiġifieri (i) miżura ta’ kemm iwassal l-introjtu fil-livell tad-ditta maħsuba biex taqbad il-kapaċità ta’ mutwatarju li jisservisja d-dejn, (ii) miżura ta’ kemm iwassal il-finanzjament fil-livell tad-ditta li tista’ tirrestrinġi l-ingranaġġ eċċessiv, u (iii) miżura ta’ kemm iwassal il-kollateral li tista’ tieħu l-forma ta’ limiti tal-proporzjon bejn is-self u l-valur (LTV).[5]

Il-BERS kompla jkollu rwol ta’ sorveljanza fil-valutazzjoni tal-miżuri makroprudenzjali meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali, u f’xi każijiet ta l-opinjoni tiegħu dwar l-użu u/jew ir-reċiproċità tagħhom. Fis-settur bankarju, bħala medja, il-miżuri bbażati fuq il-kapital irriżultaw f’pożizzjoni makroprudenzjali aktar stretta f’għadd ta’ pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea, xprunata b’mod partikolari minn żidiet fir-rati tar-riżerva ta' kapital kontroċiklika. Għal miżuri oħra l-istampa hija aktar sfumata, b’xi pajjiżi li llaxkaw u oħrajn li ssikkaw il-pożizzjoni tagħhom. Ġew applikati wkoll għadd ta’ miżuri bbażati fuq il-mutwatarju, għalkemm bl-ebda direzzjoni partikolari f’termini ta’ ssikkar jew illaxkar tal-pożizzjoni tal-politika makroprudenzjali. Meta wieħed iħares lejn ir-rekwiżiti tar-riżerva tal-kapital madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, ir-riżervi għar-riskju sistemiku naqsu b’mod ġenerali mill-pandemija tal-COVID-19 ’il hawn, iżda dan fil-biċċa l-kbira kien paċut bl-akkumulazzjoni ta’ riżervi ta’ kapital kontroċikliċi ta’ daqs simili b’mod aggregat.

Il-BERS issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ akkontabilità u rappurtar mal-Parlament Ewropew u mal-pubbliku. Il-President tal-BERS attendiet seduta pubblika quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew fit-3 ta’ Diċembru 2025, u pparteċipat f’żewġ laqgħat kunfidenzjali mal-President u l-Viċi Presidenti tal-ECON biex jiġu diskussi r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, il-Kap u l-Viċi Kap tas-Segretarjat tal-BERS indirizzaw lill-Parlament Ewropew fi tliet seduti pubbliċi tematiċi matul il-perjodu tar-rieżami. F’termini tal-obbligu ta’ rendikont tiegħu lill-pubbliku, il-BERS ippubblika r-Rapport Annwali tiegħu tal-2024 f’Lulju 2025.

Dettalji tal-istampa

© Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, 2026

Indirizz postali 60640 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
Telefon +49 69 1344 0
Sit elettroniku www.esrb.europa.eu

Id-drittijiet kollha riżervati. Ir-riproduzzjoni għal għanijiet edukattivi u mhux kummerċjali hija permessa diment li jissemma s-sors.

Għat-terminoloġija speċifka, jekk jogħġbok irreferi għall-glossarju tal-BERS (disponibbli bl-Ingliż biss).


HTML ISBN 978-92-9472-457-1, ISSN 1977-5601, doi:10.2849/5038141, DT-01-26-009-MT-Q