Menu

Missjoni u twaqqif

Missjoni

Il-BERS huwa responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja tal-UE u għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju sistemiku. Il-BERS għalhekk għandu kompetenzi wesgħin li jkopru l-banek, l-assiguraturi, il-maniġers tal-assi, il-banek paralleli (shadow banks), l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u istituzzjonijiet u swieq finanzjarji oħra.

Biex jimxi mal-mandat makroprudenzjali tiegħu, il-BERS jissorvelja u jevalwa r-riskji sistemiċi u, fejn jixraq, joħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet.

Twaqqif

Twaqqif tal-BERS

Bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja globali, il-Kummissjoni Ewropea ħatret Grupp ta’ Livell Għoli, presedut minn Jacques de Larosière, u inkarigatu jara kif setgħet tissaħħaħ is-superviżjoni finanzjarja sabiex iċ-ċittadini Ewropej jitħarsu aħjar u terġa’ tintrebaħ il-fiduċja fis-sistema finanzjarja. Il-Grupp de Larosière saħaq fuq il-punt li d-dispożizzjonijiet superviżorji ma kellhomx jikkonċentraw biss fuq is-superviżjoni ta’ entitajiet individwali iżda wkoll fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

Fl-2009 ir-Rapport de Larosière rrakkomanda li kellu jitwaqqaf korp fil-livell tal-UE b’mandat biex jissorvelja r-riskju fis-sistema finanzjarja.

Fis-16 ta’ Diċembru 2010 daħal fis-seħħ ir-regolament li jistabbilixxi l-BERS. Fit-18 ta' Diċembru 2019 ġie ppubblikat regolament ġdid.